L-Għaqda għall-Istrina

17/12/2012 19:30

Għal dawn iż-żminijiet ta’ festi, il-kumitat tal-Għaqda tal-Malti – Università ħaseb li tkun ħaġa sabiħa li tiġi organizzata attività. Din għandha sservi biex jintlaħqu diversi skopijiet: il-membri jiltaqgħu ftit bejniethom u jieħdu pjaċir flimkien f’atmosfera rilassanti u familjari; jiltaqgħu wkoll mal-membri tal-kumitat; jinġabru xi għotjiet għall-Istrina; u fuq kollox jiltaqgħu ma’ diversi kittieba mistiedna.

L-Għaqda tal-Malti – Università qed tistieden lill-membri tagħha (flimkien ma’ mistieden/mistiedna) kif ukoll diversi kittieba, uħud magħrufa sew u oħrajn li għadhom relattivament ġodda, biex nhar it-Tnejn 17 ta’ Diċembru fis-7.30 ta’ filgħaxija jinġemgħu ġewwa Il-Forn tal-Birgu u jsegwu diskussjoni spontanja bejn il-kittieba. Il-membri jkunu jistgħu jiltaqgħu wkoll mal-kittieba b’mod informali. B’għotja ta’ ħames ewro li se tmur kollha kemm hi għall-Istrina, dawk mistiedna se jkollhom iċ-ċans jirbħu xi kotba u jnaqqru xi ħaġa wkoll.

Minbarra d-diskussjoni bejn il-kittieba, il-lejla se tkun ukoll imżewqa b’qari ta’ siltiet letterarji kif ukoll kanzunetti minn Vince Fabri fost l-oħrajn. Dawk li jixtiequ jattendu jistgħu jibagħtu ittre fuq ghaqdatalmalti@gmail.com. Għal aktar dettalji wieħed jista’ jżur www.ghaqdatalmalti.webnode.com jew il-paġna tal-Għaqda tal-Malti-Università fuq Facebook.

www.youtube.com/watch?v=w_Lv6W1ddEo

https://www.facebook.com/events/455886994449127/?ref=ts&fref=ts