Il-Laqgħa Ġenerali Annwali

27/05/2013 10:44

Għażiż membru, 

Nixtieq ninfurmak li l-Kumitat ad interim tal-Għaqda tal-Malti - Università wasal biex itemm il-ħidma tiegħu. Għalhekk nhar is-Sibt 22 ta’ Ġunju 2013, fid-08.45, ser issir il-Laqgħa Ġenerali tal-Għaqda tal-Malti – Università ad interim, f’Dar l-Ewropa, 254, Triq San Pawl, il-Belt Valletta. Inti mitlub/a li tkun preżenti u tipparteċipa f’din il-laqgħa. L-aġenda tinsab annessa f’danl-avviż.

Ma’ dan l-avviż hemm mehmuża l-formola tan-nominazzjonijiet biex kull membru jkun jista’ jiġi nnominat għal membru tal-kumitat il-ġdid li jrid jinħatar għas-sentejn li ġejjin (2013-2015) f’din il-Laqgħa Ġenerali. Ngħarrfek li n-nominazzjonijiet iridu jaslu għand is-Segretarju sa mhux aktar tard minn nofsinhar tas-Sibt 8 ta’ Ġunju 2013. In-nominazzjonijet mibgħuta jridu jiġu ffirmati minn membru proponent kif ukoll issekondati u ffirmati minn żewġ membri oħra separati. Il-membru nnominat ukoll irid jiffirma n-nominazzjoni tiegħu. Kull membru jista’ jinnomina iktar minn membru wieħed fuq formoli differenti (fotokopjati).

Infakkrek ukoll li jekk tixtieq tressaq mozzjoni, għandek tgħarraf bil-miktub lis-Segretarju sa nofsinhar tas-6 ta’ Ġunju 2013 u li tali mozzjoni trid tkun iffirmata minn proponent u sekondant.

Kull nominant, proponent u sekondant irid ikun eleġibbli skont l-istatut, jiġifieri ikun ħallas il-miżata mill-inqas għal sena mid-data tal-elezzjoni li tkun se ssir.

Aġenda: Indirizz mill-Kap tad-Dipartiment tal-Malti.
Ħatra ta’ żewġ uffiċjali biex iservu ta’ awdituri u osservaturi.
Qari u approvazzjoni tal-minuti tal-LĠS tal-4 ta’ Ġunju 2012.
Rapport amministrattiv tal-Kumitat Ad Interim.
Rapport finanzjarju tal-Kumitat Ad Interim.
Diskors tal-President.
Elezzjoni.
Ħatra ta’ President temporanju biex imexxi l-kumplament tal-laqgħa.
Mozzjonijiet (jekk ikun hemm), inklużi emendi għall-istatut.
Diskussjoni dwar suġġetti li jitqajmu f’din il-LĠ mressqa mill-membri preżenti.